Il-ħajja ta' kuljum ta' żmien Pinto
Kan. Dun Ġwakkin Schembri B.A. Lic.D., L.S.S.


LUNARIO, CALENDARIO E PRONOSTICO NUOVO DELL'ANNO 1769/1770/1771 DEL FAMOSO ASTROLOGO RUTILIO BENINCASA, COLL'ORE DEL NASCER E TRAMONTAR DEL SOLE, CORRISPONDENTI ALL'OROLOGIO DI MALTA, E COL FAR DELLA LUNA E SUOI QUARTI,
in Malta nel Palazzo, e Stamperia di S.A.S. Principe Sovrano di Rodi, Malta, Gozo e dei Real Donimio di Tripoli etc, per il Capaci suo Stampatore, con licenza dei Superiori; bl-istemma tal G.M. Em. Pinto; 36 pp; mm. 150x50; il-kitba bil-linka, fit-tarf tal-paġni, ġie li ma tidhirx, fejn ixxarrbu b'xi ilma.

36 pp. title-page, paġna ta' Note Annuali", żewġ paġni ta' introduzzjoni jew "Discorso Generale" paġna għal kull wieħed mit-12-il xahar tas-sena, u 20 paġna vojti għal xi notamenti personali.).

Mhux fi żmiena biss inġorru l-'pocket diary' magħna u ninnotaw fih x'se nixtru u kemm infaqna u kulma nixtiequ niftakru. Dawn it-tliet 'pocket diaries' ta' żmein il-Gran Mastru Pinto joħduna lura, bil-ħsieb, fuq mitejn sena. Għandhom il-valur, ta' Melitensia li huma, mhux biss għax ħarġu mill-Istamperija tal-Palazz tal-Gran Mastri, ġol-Belt Valletta, iżda wkoll għax huma manuskritti b'notamenti li tniżżlu hawn Malta stess u jixħtu xi dawl fuq il-ħajja soċjail ta' dak iż-żmien.

L-introduzzjoni ta' żewġ paġni, f'kull wieħed mit-tliet libretti tagħti tagħrif sew ta' astronomija kif ukoll ta' astroloġija - 'con licenza dei Superiori'! Issemmi x'rabta hemm bejn dawn il-fenomeni kollha; il-gwerer, il-paċi, u x'naf jien. Tagħlaq b'talba lis-Sema biex, bil-għajnuna tal-Qaddisin Protetturi ta' Malta, il-Madonna u San Ġwann Battista u San Pawl, il-Ġżejjer tagħna ma jġarrbux ħsara u biża'.

Illum, fl-1994, dawn it-tliet libretti jinsabu merfugħa għand ħabib tiegħi li xi 30 sena ilu kien xtrahom xelin il-wieħed minn fuq il-Monti. F'idejn min kienu fis-snin 1769-1770-1771- jiġifieri isem is-sid li kiteb fihom - ma rnexxilniex insiru nafuh, għax hu imkin ma niżżel ismu fihom. L-anqas nistgħu ngħidu fejn kien joqgħod. Kien jaf jikteb. Saċerdot ma kienx, u Kavallier ta' l-Ordni ma kienx, la darba nafu li tgħarras (nhar is-Sibt, il-15 ta' April, 1769), u ma damx ma żżewweġ (fil-24 tax-xahar, li kien it-Tnejn filgħaxija). Fit-8.00 ta' filgħaxija, fis-7 ta' April, 1771, f'Dominica in Albis (Ħadd fuq il-Għid), twelditilhom tarbija (aktarx it-tieni) u semmewh Ġan Anton. Iżda la isem il-kittieb innifsu ma nafu lanqas isem martu: meta kien jixtrilha xi żarbun jew xi ħaġa oħra, bl-edukazzjoni kollha u bir-rispett kollu kien jirreferi għaliha u arah jikteb: "per la Signora". Jidher, minn kull ma se nsemmu fuqu, li kien bniedem għani, forsi xi nobbli. Kien jixtri żarbun kull xahar! Ftiehem ma l-iskarpan, li bil-prezz ta' 7 skudi fis-sena, jaħdimlu par kull xahar u hu jirritornalu l-par tax-xahar ta' qabel: "10 Febbraio 1769: mi son accordato collo scarparo Bini di dovermi fare u paio di scarpe al mese con consegnare il vecchio e vistire il nuovo per scudi sette l'anno." Kellhom seftura, Marija u kienu jħallsu wkoll lill-imraddgħa ("la balia") kull meta kienet tkun meħtieġa. Das-sinjur kellu dar fil-kampanja u kien iqabbad ġardinar, jismu Ġamri Sciberras, biex isaqqilu. Naħseb li kellu dar ġol-Belt; insibuh spiss jikri kaless lejn "il-Belt" jew lejn "ir-Rahal", u milli jidher, kien iqatta' ġranet sħaħ, issa fid-dar tal-belt, issa fid-dar tal-villeġġatura. Din ta' l-aħħar kienet aktarx f'Ħal Lija, la darba jsemmilna darba minnhom li l-kaless krih għal Ħal Lija, jekk ma marx biss għal xi qadja. Minbarra s-seftura, kellu wkoll impjeġati oħra li regolarment jagħtihom il-paga, il-paga kien iqassamielhom ċertu Dun Lawrenz Grima, li kien jeħodlu ħsiebhom. Lil ċerta Rożi kien iħallasha talli tidrislu l-qamħ u taħsilhulu. La naf għax qargħi, l-anqas għall-eleganza, kien juża l-parokka; għall-anqas nafu li darba xtara waħda għalih stess. Kien ipejjep (pipa jew sigarri?) u t-tabakk kien jixtrih bl-użin. Fuq is-suf u fuq xi siġġijiet, importati minn barra minn Malta, insibuh iħallas id-dazju għand "il Signor Doganiere". Ġie li kien iqabbad perit - ingħidu aħna, lil "Mastro Andrea perito" (li seta' kien missier il-Prof. Mons. Dun Pietru Pawl Psaila); u nsibuh iħallas lill-imgħallem u l-bennej, u jħallas ukoll tat-travi u lil dawk li jġorru l-ġebel bil-karettun u fuq l-ispalla; jissemmew, dawn, il-"pastasi". Għad-dar tiegħu kienu jagħmlulu - jew jagħmilhom hu stess - xirjiet ta' laħam, tiġieġ, ħut suprissat tat-ton, butir, żejt, ħall, imbid, tuffieħ, bettieħ, dulliegħ?Jissemma wkoll il-larinġ u l-lumi u l-lumiċell, iżda aktarx li kien ibiegħu u mhux jixtrih - l-aktar jekk id-dar tal-kampanja li kellu, bil-ġnien magħha, kienet f'Ħal Lija? L-għaġin kien jornah mill-fabbrika minflok kien jixtrih mingħand tal-'grocer'. Il-qamħ-mill-egħlieqi tiegħu-kien jibagħtu fl-imtieħen biex jitħnuhulu. U l-kafe' kien iħallas biex jasal għandu jixtri mitħun u mħawwar. Fost il-ħtiġijiet tad-dar, fid-djarji jissemmew mhux biss iż-żigarella u l-kurdiċella u l-ħajt, iżda wkoll is-sapun li kien jixtri u l-faħam tal-kannol ("legna carbonifera"=charcoal). Ġie li kien jixtri xi ħabel għall-bir jew magħzqa għall-ġnien. Mhux l-ewwel darba li t-tabib kien jissejaħ ġod-dar - ġie li tliett ijiem in fila. Jissemew sew il-barbier, kemm l-iskarpan, kif ukoll il-ħajjat. Lill-Kappillan fit-tberik ta' Sibt il-Għid kien jagħtih 4 tari, u lis-sagristan dak in-nhar kien jixħetlu fis-sasla xi tari, minbarra xi 10 iħbub talli jimlielu flixkun bl-ilma mbierek. Kien jixħet xi ħaġa tal-karita' fil-ħorġa tal-Patri Kapuċċin li jiġi jagħmel ir-ronda. Għall-Qabar ta' Kristu, jiġifieri lill-missjoni ta' L-Art Imqaddsa ġie li ta wkoll. Darba minnhom insibu jagħtu kontribuzzjoni għal San Publiju.

Il-postijiet f'Malta li jissemmew hawnhekk, minbarra l-Belt u Ħal Lija, huma; Birkirkara, fejn kien hemm ċertu barbier jismu Wenzu Barbara; Bormla, fejn kien joqgħod xi ħadd jismu Luqa Camilleri; u l-Birgu, fejn tissemma waħda jisimha Elena. Żewġ naħiet fejn kellu l-art u r-raba' kienu l-Busbesija (bejn il-Mosta u Birkirkara_ u l-Bordin bejn il-Mosta u Ħal Lija, jew bejn is-Siggiewi u Ħaż-Żebbuġ?) Iż-żewġ qassisin li jissemmew b'isimhom kienu Dun Lawrenz Grima (tgħid minn Ħal Lija?)u l-Kanonku Tonna (wieħed mill-ġirien tal-kittieb, għandi naħseb, aktarx ġol-Belt). Ta' Grima, jiġifieri Dun Lawrenz u niesu, forsi ħutu, Mastru Ġużepp u Filippu li kienu aħwa, jidhru li das-sinjur kien jafda ħafna fuqhom u jafdahom bil-flus. Fost ħaddiema oħra li kellu, jissemmew Ġanni Bonnici, Ġorġ, Wiġi, Pawlu, Rożi, Ġakbu, Klement, Bartilmew, Anġlu, Lawrika, Tumas, u xi oħrajn, minbarra li semejna qabel.

Fl-ewwel ġranet ta' Ġunju, darba minnhom (fl-1770), dan is-sinjur wasal wasla sal-Buskett - xi tliet ġimgħat qabel l-Imnarja. Kif kien hemm, xtara l-pastizzi, imtela' ġmielu, reġa' rikeb il-kaless, u telaq lura lejn id-dar; il-kaless u l-pastizzi ma qamlulux għajr 6 tari u 15-il ħabba. Kemm kienu jafu jgħixu n-nies ta' dari! Mhux ta' b'xejn li x-xewqat sbieħ ta' l-istampatur, imwassal lill-qarrejja ta' dawk il-'pocket diaries' ta' mitejn sena ilu, kienu dawn: "Vivete contenti! Vivete tranquilli! Pitno nnfisu, raġel ta' 90 sena, hekk kien igħix. Fi żmien dak il-Gran Mastru, jidher li għex ukoll hekk, matul dawk it-tliet snin minn ħajtu, il-kittieb li ismu ma nafuħx?
Ilsna ħziena fuq il-pittura ta' l-arzella
Minn Dr. Carmel Mallia
D.Litt, ND.BA Hons (Lond), Lic, Esperanto, DFH&HC (Paris)

Mgħotti bit-tużell, ixxamplat fl-arzella tal-kor tal-Knisja ta' San Ġorġ ta' beltna, hemm waħda mill-isbaħ pitturi li għoġbu jħallilna l-pittur Ġużeppi Cali (1846-1930): l-Apoteosi ta' San Ġorġ jew San Ġorġ fil-glorja. Cali pittirha fil-bidu tas-seklu, u nkixfet bejn wieħed u ieħor fil-bidu ta' Diċembru ta' l-1905 jiġifieri 95 sena ilu meta l-pittur kellu 59 sena jew 25 sena qabel miet.

Dan sirt nafu b'kumbinazzjoni jien u nqalleb il-gazzetta Malta1 fejn, f'nota ċkejkna jingħad li fir-rivista l-oħra Malta Letteraria2, rivista tas-soċjeta' La Giovine Malta, miktuba bit-Taljan, hemm artiklu fuq il-pittura l-ġdida ta' l-arzella tal-kor tal-knisja ta' San Ġorġ ta' beltna.

Issa jekk wieħed jifli sewwa din il-pittura jinduna x'armonija fiha, x'bilanċ fiha, x'kuluri li jgħaxxqu għandha. F'kelma waħda, pittura mill-isbaħ kif kien jaf ipitter Cali', jgħidu x'jgħidu l-kritiċI li qatt m'għandhom ħajta f'ilsienhom, ikollhom u ma jkollhomx raġun, għalkemm jidhrilhom li dejjem għandhom raġun.

L-artikolista li qed niċċita isfel, li jidher li jaf xi jgħid, jistqarr li din l-opra tista' tħabbatha sew ma' l-aħjar xogħlijiet dell'Umbriana Scuola, u jiġbor kollox f'sentenza waħda imma li tfisser ħafna: Eccelente e gaio e' il colorito (il-kuluri, eċċelenti u ħajja). U mbagħad jgħaddi biex isemmi s-serafini li l'angelico di Fiesole non ne saprebbe far migliori (l-anġeliku ta' Fiosole - jiġifieri l-pittur Dumnikan Fra Angelico: c.1400-1455: nota tiegħi - ma kienx ipitter aħjar minnu).

Imma ħej fid-dinja tibqa' kwiet sakemm iħalluk in-nies. Kull artist ikollu l-għedewwa tiegħu ħafna darbi bla ma jkun jaf. Ukoll f'dal-każ, kien hemm min taqtaq kontra. Kien hemm min qal li l-kuluri wżati kienu se jinżgħu f'qasir żmien u jitilfu il pristine splendore. Il-ħmerija hi li ma qalx jekk dan l-għidut kienx ġej minn xi qriema jew minn xi ħadd barra Ħal Qormi. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn in-nies li lesti jmaqdru ssibhom kullimkien. L-aħjar ħaġa li wieħed jagħmel ma' dawn hu bħalma kien qal Dante fid-Divina Commedia tiegħu: non ragioniam di lor (inħalluhom jgħidu). Is-sabiħ jibqa' dejjem sabiħ, jgħidu x'jgħidu, imaqdru kemm imaqdru. Fil-fatt l-artikolista hekk għamel ukoll: Piu' stupide asserzione di questa non puo' darsi (ma jistax ikun hemm stqarrija aktar baħnana minn din). Ikompli li, qabel, l-istess pittur kien ġa ħalla xogħlijiet tiegħu fil-parroċċa ta' Ħal-Lija. U jien inżid ngħid li f'April tas-sena ta' wara, jiġifieri fl-1906, inkixef fil-kor tal-parroċċa ta' Ħal Balzan xogħol ieħor tal-Cali'3. Dan ifisser li x-xogħol ta' dal-pittur kien qed jingħoġob.

Illum ukoll issib min jgħidlek li dil-pittura tal-Cali' f'Ħal Qormi ma tistax titqies fost l-aħjar xogħol tal-pittur4. Imma bħalma ġa għidt, kull kritika hi soġġettiva. Wieħed jgħid mod, l-għada jiġi ieħor u jgħid mod ieħor. Jien nirrispetta kull kritika, imma mhux bilfors noqgħod għalija, għax mitt bniedem mitt fehma.

Lura għall-artikolista tal-Malta Letteraria. Ma nafx għaliex, flok ma ffirma b'ismu ġab biss R.S.O. Min jaf għaliex, hux? X'ried jaħbi? Insomma fuq dil-pittura qal tiegħu wkoll. Qal li jista' jkun li, billi l-pittura saret fuq il-ġebla, jekk il-ġebla hi ta' kwalita' inferjuri, il-pittura jista' jkollha delle scrostature (titqarqaċ). Biss fl-aħħar ta' l-artiklu xorta jifraħ lill-Cali': is-sbuħija tax-xogħol tiegħu tisboq bil-wisq aktar it-tifħir unli li seta' jagħtih.

Barra l-pitturi antiki li hemm fl-Arċipretali tagħna, lit rid tivvalutahom apparti għall-preġju tagħhom, għax antiki, il-pittura ta' l-arzella tal-kor hi l-aħjar biċċa xogħol fil-knisja kollha, impittra minn wieħed mill-aqwa pitturi li qatt kellna Malta, Ġużeppi Cali'. Hu dnub li hi mgħottija bit-tużell li naħseb li mingħajru l-kor ikun isbaħ u jieħu dimensjoni akbar, barra li jista' jkun apprezzat aktar minn kulħabb. X'inhu l-aħjar, it-tużell jew il-faċċata tal-kor bis-sbuħija kollha tagħha, u bil-kritika kollha li kienet qalgħet minn xi ilsna ħżiena fl-1905?



Referenzi
1. Malta: 19.1.1906
2. Malta Letteraria: Lavori d'arte nella Parrochiale di Casal Curmi, iffirmat R.S.O. Diċ. 1905 pp. 381.382
3. Malta 7 ta' april 1906
4. "Il-Knisja Parrokkjali ta' San Ġorġ Ħal Qormi, Ed. Joseph F. Grima: "Xogħlijiet u Artiġjanat fil-Knisja ta' San Ġorġ Mario Buhagiar (Illum Dr.).